EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1369

Konsum tal-enerġija: Qafas għal regolamenti għat-tikkettar

Konsum tal-enerġija: Qafas għal regolamenti għat-tikkettar

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2017/1369 għat-tikkettar tal-enerġija

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi l-bażi għat-tikkettar ta’ prodotti relatati mal-enerġija, u jipprovdi informazzjoni standard dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija — kif ukoll il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra — biex jgħin lill-konsumaturi fid-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom. Ma jkoprix prodotti użati, sakemm dawn ma jkunux ġew impurtati minn barra l-UE, jew ikunu mezzi ta’ trasport.

Dan iħassar id-Direttiva 2010/30/UE.

PUNTI EWLENIN

Il-prodotti kollha relatati mal-enerġija għandhom juru tikketti fuq skala ġdida, aġġornata u aktar ċara minn A (l-aktar effiċjenti) għal G (l-inqas effiċjenti). Din is-sistema se tieħu post is-sistema preċedenti ta’ tikketti minn A+++ għal G, li hija inqas effettiva minħabba l-iżvilupp ta’ prodotti aktar effiċjenti fl-enerġija. Hemm ukoll rekwiżit għal skeda tal-informazzjoni tal-prodott.

It-tikketti li diġà qed jintużaw qabel l-1 ta ’Awwissu 2017 se jiddaħlu fi skala mill-ġdid mill-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri kkalibrati mill-ġdid biex jikkonformaw mar-regolament il-ġdid.

Il-Kummissjoni tadotta att delegat separat għal kull grupp speċifiku ta’ prodotti biex tissupplimenta r-regolament. Dan jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati għat-tikkettar ta’ gruppi ta’ prodotti speċifiċi fejn:

  • il-grupp ta’ prodotti għandu potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija;
  • fi ħdan il-grupp ta’ prodotti, mudelli ekwivalenti għandhom livelli ta’ prestazzjoni ferm differenti;
  • m’hemm l-ebda impatt negattiv sinifikanti f’termini ta’ affordabbiltà jew l-ispejjeż ġenerali tal-grupp ta’ prodotti.

L-atti delegati relatati ma’ gruppi ta’ prodotti speċifiċi jindikaw, fost affarijiet oħra:

  • il-grupp ta’ prodotti speċifiku li għandu jkun kopert mir-rekwiżiti ddettaljati għat-tikkettar;
  • id-disinn u l-kontenut tat-tikketta, inkluż skala li turi l-konsum ta’ enerġija li tikkonsisti minn A sa G, li għandu jkollu disinn uniformi għall-gruppi tal-prodotti kollha;
  • informazzjoni oħra li tenfasizza l-effiċjenza enerġetika tal-prodott;
  • fejn xieraq, referenza fit-tikketta li tidentifika prodotti li huma intelliġenti u jaħlu inqas enerġija, jiġifieri kapaċi li jadattaw u jottimizzaw ix-xejriet tal-konsum;
  • metodi ta’ kejl u kalkolu li għandhom jintużaw biex tiġi ddeterminata t-tikketta u l-informazzjoni dwar il-prodott, inkluża d-definizzjoni tal-indiċi tal-effiċjenza enerġetika (EEI);
  • id-data ta’ evalwazzjoni u d-data possibli ta’ reviżjoni tal-att delegat;
  • differenzi fil-prestazzjonijiet tal-enerġija f’reġjuni klimatiċi differenti.

Ir-responsabbiltajiet tal-fornitur u n-negozjant huma li:

  • juru l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-prodott u l-firxa tal-klassijiet disponibbli fuq it-tikketta;
  • jikkooperaw mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jieħdu azzjoni immedjata biex jirrimedjaw għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità;
  • għal prodotti koperti minn atti delegati, ma jurux informazzjoni oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumaturi dwar il-konsum tal-enerġija;
  • għal prodotti li mhumiex koperti minn atti delegati, jew prodotti mhux relatati mal-enerġija, ma jurux tikketti li jimitaw dawk taħt dan ir-regolament.

Negozjanti, inklużi dawk onlajn, għandhom fil-mument tal-bejgħ, juru t-tikketta pprovduta mill-fornitur u għandhom jagħmlu disponibbli għal klijenti l-iskeda tal-informazzjoni tal-prodott.

Il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi database ta’ reġistrazzjoni tal-prodott biex:

  • tappoġġja awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, inkluż l-infurzar;
  • tipprovdi lill-pubbliku b’informazzjoni dwar il-prodotti, it-tikketti tal-effiċjenza enerġetika u l-iskedi tal-informazzjoni tal-prodott;
  • tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni aġġornata dwar l-effiċjenza enerġetika biex tirrevedi t-tikkettar tal-effiċjenza enerġetika.

Id-database se tippermetti lill-pubbliku jikkonsulta t-tikketti tal-prodott u l-iskedi ta’ informazzjoni, u dan għandu jagħmilha aktar faċli biex titqabbel l-effiċjenza enerġetika tal-apparat domestiku.

Ir-regolament jeħtieġ ukoll li l-manifatturi jinfurmaw lill-konsumaturi jekk aġġornamenti għas-softwer jew għall-firmware (softwer li hu inkorporat f’biċċa hardware u jservi bħala l-interfaċċja bejn dak il-hardware u s-sistema operattiva, eż. fuq smartphone jew kompjuter) jistax inaqqas l-effiċjenza enerġetika ta’ prodott. Tipprojbixxi l-użu ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”, li jbiddel il-prestazzjoni ta’ prodott taħt il-kundizzjonijiet tat-test.

Sat-2 ta ’Awwissu 2025, il-Kummissjoni sejra tevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2017, bl-eċċezzjoni għall-obbligi tal-fornituri fir-rigward tad-database tal-prodotti li ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2019.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 4 ta’ Lulju 2017 għall-iffissar ta’ qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jirrevoka d-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 1-23)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10-35)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/125/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il- verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija (COM(2014) 330 final, 28.5.2014).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment — Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem (COM(2015) 80 final, 25 ta’ Frar 2015)

l-aħħar aġġornament 27.06.2018

Fuq